thanks-gratitude

Thanks and Gratitude

Għeżież ġenituri, għall-grazzja t’Alla wasalna lejlet il-vaganzi ta’ nofs l-Ewwel Term.

Minkejja l-miżuri ta’ mitigazzjoni u t-tensjoni li ġabet magħha din il-pandemija, nistgħu ngħidu li l-esperjenza tal-ewwel ġimgħat ta’ din is-sena skolastika kienet pjuttost pożittiva. Kienu ġimgħat kwieti u li fihom il-proċess tat-tagħlim qabad ritmu tajjeb.

Ġenituri

F’dawn il-ġimgħat li għaddew, apprezzajna ħafna:

– Is-serjetà u r-responsabbiltà tal-ġenituri li dejjem żammewna infurmati meta uliedhom, jew xi ħadd mill-qraba tagħhom kellhom xi sintomi ta’ mard.

– Kienu pronti li jiġu meta ċempilnielhom għax it-tifel ħassu xi ftit ma jiflaħx. Dejjem bagħtulna ritratt taċ-ċertifikat mediku meta qalulna li t-tifel kien ma jiflaħx.

– Dejjem żammewna infurmati meta xi membru tal-familja kien f’kuntatt ma’ persuna li ħarġet pożittiva għall-Covid-19 u per konsegwenza kellhom joqogħdu kwarantina.

– Dejjem bagħtulna l-messaġġi jew l-emails li juru li l-kwarantina kienet intemmet u s-swab ħareġ negattiv.

– Napprezzaw ukoll il-fatt li ħafna studenti qalulna kemm intom il-ġenituri qed toqogħdu attenti fejn tmorru u ma’ minn toħorġu filgħaxija u fil-weekends.

Studenti

Napprezzaw ħafna s-sens kbir ta’ maturità tal-istudenti. Nieħdu gost naraw lill-istudenti responsabbli jimsħu l-mejda u s-siġġu li jkunu se jużaw u jżommu l-wipe jew it-tissue ġol borża li jkunu ġabu magħhom. Rari kellna nikkoreġu lil xi student li kien bla maskra fil-kuritur jew fil-klassi. Ma nistgħux ngħidu l-istess fejn tidħol id-distanza fiżika. Minkejja li nirrepetu spiss, regolarment fil-grawnd, fil-kurituri u fit-turġien jkollna studenti qrib ħafna ta’ xulxin. Tajjeb li intom il-ġenituri tkomplu tisħqu mat-tifel tagħkom li finalment irid ikun hu li jieħu ħsieb li jżomm id-distanza fiżika minn tfal oħra.

 Dwar ix-xiri ta’ doughnuts, pasti u soft drinks fis-2.30 pm, xħin l-istudenti joħorġu mill-iskola ktibna nota bil-MySpot ilbieraħ. Il-ġenituri li ma qrawhiex nitolbuhom jaqrawha.

L-attendenza fl-iskola tagħna kienet dejjem taqbeż is-96%. Fil-preżent għandna tliet studenti li minħabba l-vulnerabilità tagħhom, jew ta’ xi ħadd mill-familja ma setgħux jiġu l-iskola, għandna sitt studenti li qegħdin kwarantina mal-familja tagħhom u kienu tlettax-il student biss minn skola sħiħa li għal xi raġuni jew oħra l-ġenituri ddeċidew li jżommuhom id-dar.

Membri tal-Istaff

Dak li għedna għall-ġenituri jgħodd ħafna aktar għall-membri tal-istaff. Napprezzaw is-serjetà, l-impenn u l-flessibiltà li juru l-għalliema, lill-LSEs u lill-istaff klerikali fil-qadi ta’ dmirijiethom, b’mod speċjali lil dawk li mlew temporanjament il-vojt ta’ għalliem tagħna li ġie nieqes għall-għarrieda. Għalina wkoll dan ma kienx mument faċli. Nirringrazzjaw lill-cleaners għax-xogħol impekkabbli li jagħmlu biex iżommu l-iskola nadifa kif jitlob il-protokoll.

Servizz tal- Co-Op 

Apprezzajna l-koperazzjoni tal- Co-Op Services Ltd u lix-xufiera għas-servizz li joffru lill-istudenti tagħna. Konxji li fil-vannijiet hemm l-akbar riskju. Fil-vann jitħalltu l-istudenti minn kull form. Nafu li din hija problema, imma ftit li xejn nistgħu nagħmlu biex insolvuha.

Jalla kulħadd jibqa’ jkun responsabbli u jibqa’ jagħmel l-almu tiegħu kollu biex josserva r-regoli u l-miżuri ta’ mitigazzjoni. Nitolbu ’l Alla bl-interċessjoni ta’ San Mikiel biex ikomplu jħarsuna u jipproteġuna. 

Nawguraw vaganzi sbieħ u ta’ mistrieħ – Stay safe!